
'Jien minix xi qaddis...' Din hija frażi li ħafna drabi niġġustifikaw ruħna permezz tagħha. “Jien miniex xi qaddis, imma lanqas ma jien xi bniedem ħażin…”. Kemm togħġobna t-triq tan-nofs! Mingħajr ma rridu, inħossuna komdi fil-moderazzjoni, kemm fit-tajjeb u kemm fil-ħażin. Propjament, triq tan-nofs m’hemmx. Teżiżti ħajja nisranija, u ħajja mhux nisranija. Ħajja nisranija ma tfissirx ħajja li fiha l-bniedem ma’ jaqa qatt fid-dnub, iżda ħajja li fiha l-bniedem jgħixha fil-verità. Kelma oħra flok verità hija umiltà. Tassew li l-umiltà hija importanti ħafna. Pero xi kultant nitfixkluha ma’ li niddisprezzaw lilna nfusna jew xi kwalitajiet tagħna…din mhix umiltà iżda falzità. L-umilta li għexet Marija tagħtina idea ċara dwar x’jiġifieri tkun umli. L-umiltà hija li tagħraf il-verità fuqek innifsek. X’verità? Il-verità li aħna midinbin…biżżejjed midinbin li l-Iben t’Alla kellu, xejn inqas milli jissammar fuq salib biex jifdina! Il-verità li kont inti u jiena stess, bħal dawk il-Lhud, li ridna lil Barabba u mhux lil Kristu, meta ġejna biex nagħżlu bejn dnub u virtù. Pero li kieku l-istorja tispiċċa hemm, konna nkunu l-iżjed bnedmin imsejka fuq wiċċ l-art. Il-verità hija wkoll li Ġesù Kristu miet għalik u għalina, personalment għalik u teżisti l-maħfra tad-dnubiet! Il-Verità li Ġesù qam mill-Mewt u jrid jagħtik ħajja differenti minn dik li għandek issa. Marija fejn tidħol f’dan kollu? Marija, fil-Kantiku tagħha, issejjaħ lil Alla s-salvatur tagħha u tirreferi għaliha nnifisha bħala qaddejja ċkejkna tiegħu, hi li hija mwielda mmakulata. Jekk Marija, fil-qdusija tagħha, isejjaħ lil Alla s-Salvatur tagħha, kif tassew Hu, mela kemm iżjed aħna ċkejknin aħna, u kemm iżjed aħna għandna nsejħu lil Alla s-Salvatur tagħna aħna li aħna midinbin! Meta Ġesù qal ‘tħabtu biex tgħaddu mill-bieb id-dejjaq’, kien qed jistedinna għall-umilta, li aktar milli niċċekknu, tfisser li nagħarfu ċ-ċokon tassew tagħna. Dan jista jseħħ, bil-għajnuna ta’ Alla, jekk nemmnu verament li kull ma’ hu tajjeb fina, huwa tiegħu. X’fadal fina? Il-ħażin. X’ħa nagħmlu bih? Nistqarruh, għax Ġesù Kristu ħafrilna dnubietna. B’hekk, imneżżgħin minn kollox ngħaddu mill-bieb d-dejjaq, għax ma jkun fadal xejn ħlief iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. |
Il-Bieb id-dejjaq, struttura fid-Domus Galilea, Israel, bil-Lhudi fuq l-istruttura hemm miktuba biċċa mid-disorks tal-muntanja (Mattew, kap. 5)
Aktar artikli Alla lil kullħadd irid fis-Saltna tiegħu Għaddiet il-festa...x'ħalliet f'qalbna?
|
© 2009 Parroċċa San Franġisk t'Assisi Qawra-Buġibba. Site powered by Qawrawebmasters.