|
|
|
|
|
Dar għal Alla
Waħda mill-affarijiet li beda jaħseb fuqha kienet li jibni tempju f’Ġerusalemm fejn fih tkun tista titqiegħed l-Arka tal-Patt. L-Arka tal-Patt kienet l-aktar oġġett sagru tal-Poplu Lhudi. L-Arka kienet bħal kaxxa fejn kienu mqegħda t-twavel tal-ġebel, bil-Kmandamenti imaqqxin fuqha minn Alla fuq il-Muntanja Sinaj mijiet ta’ snin qabel. L-Arka ma kinetx biss oġġett, iżda kienet tassew sinjal ħaj tal-preżenza ta’ Alla fost il-poplu Lhudi. Meta l-poplu kien fid-deżert wara li ħarġu mill-Eġittu, ma setgħux jibnu djar, la għalihom u lanqas għal l-Arka u kienu jgħixu fit-tined. Wara li daħlu fl-art ta’ Kagħnan u rebħuha, bnew djar għalihom u anki is-sultan David kellu dar. Iżda l-Arka tħalliet ġo tinda u David ħaseb li kien xieraq li jibni Dar għal l-Arka: Tempju għal Alla. Iżda l-Mulej li kien jaf ħsieb David, deher lil Profeta Natan u qallu biex jgħid lil David dan il-Kliem: “Se tibnili int dar biex noqgħod fiha?” U fil-fatt, ma kienx David li bena t-tempju. Alla kien diġa ħaseb minn qabel għal dar…mhux biss għal tempju tal-ġebel iżda għal Dar oħra, li fiha ried jgħammar verament. Għażel Dar bla tebgħa, qaddisa u fuq kollox, disponibbli. Ried lil Marija Verġni. Għażila, iżda talabha biex jidħol jgħammar f’ġufha. U hi qaltu Iva; risposta li biha Alla seta’ jwettaq fiha l-impossibli. Għażel lil Marija biex tkun Eva ġdida, omm il-ħajjin kollha. Alla, fil-Persuna ta’ Ġesù, jintelaq fi ħdan din il-Mara u jħalli lilu nnifsu jiġi mrobbi, bħal kull bniedem ieħor sakem kiber. In-nisrani għandu bħala Ommu lil Marija, għax tahilna Ġesù meta kien fuq is-salib. Marija hija Ommna, hija wkoll Omm il-Knisja. Fil-Knisja jitwieled u jikber fil-fidi n-nisrani.
|
|
© 2008 Parroċċa San Franġisk t'Assisi Qawra-Buġibba. Site powered by Qawra Webmasters.